Nhar l-Erbgħa 13 ta’ Diċembru f’Jum ir-Repubblika tinġera t-Tazza tal-President li għat-tielet sena konsekuttiva hija sponsorjata minn EquestriMalta, l-Awtorità li tirregola l-isport ekwestri f’pajjiżna. Din hija t-tieni l-aqwa unur fil-kalendarju tat-trott lokali u kull sid u ġerrej jaspira li jniżżel ismu fuq it-trofew prestiġjuż xogħol l-artist Malti George Muscat li kien ikkummisjonat mill-E.T. il-President Emeritus George Abela fl-2012.
Waqt konferenza stampa li saret it-Tnejn waranofsinhar iċ-Chairman ta’ EquestriMalta s-Sur John Huber stqarr kif il-komunità tat-tiġrijiet taż-żwiemel ilha snin tgħin lill-Malta Community Chest Fund u dan jafu mill-esperjenza tiegħu bħala Chairman ta’ din l-entità, u għalhekk jinsab fiduċjuż li dan ukoll se jerġa jkun il-każ din is-sena. Din hija wkoll l-ewwel sena għalih li se jkun qed jassisti dan l-avveniment bħala Chairman ta’ EquestriMalta għalhekk huwa appella lis-sidien sabiex jemmnu fl-importanza tar-rwol tal-awtorità għaliex jemmen li għamlet ħafna anke jekk forsi minn wara l-kwinti u saħaq li żgur li l-komunità ekwestri se tkompli tisma’ u tesperjenza miżuri u inizjattivi għall-ġid ta’ dan l-isport.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta s-Sur Max Zammit tenna li din hija t-tielet sena konsekuttiva li l-EquestriMalta qed tisponsorja t-Tazza tal-President. Filwaqt li awgura lill-finalisti kollha huwa antiċipa finali sabiħa u missielta. Saħaq ukoll li din is-sena reġa ġie miżjud il-premju globali fejn b’total ta’ €7400 huwa l-akbar premju li qatt tqassam waqt din il-kompetizzjoni li jawgura tajjeb għal aktar inċentivi fis-settur.
Preżenti wkoll kien hemm il-Viċi Chairman tal-Malta Racing Club is-Sur Anthony Demanuele u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome l-Avukat Matthew Brincat. It-tnejn li huma awguraw li l-finali tkun waħda spettakolari fejn l-aqwa żiemel tal-ġurnata joħroġ rebbieħ filwaqt li appellaw għall-ġenerożità ta’ dawk kollha preżenti sabiex tinġabar somma sabiħa għall-Istrina bħal ma dejjem seħħ kemm ilha tiġi organizzata din il-kompetizzjoni.
Għal darb’oħra din il-finali qed tkun organizzata taħt il-patronċinju tal-E.T. il-President ta’ Malta Dr George Vella li se jkun hu stess li se jqassam it-trofej lir-rebbieħa.
Skont it-tradizzjoni u r-regolamenti ta’ din il-kompetizzjoni t-tnax-il sid finalist għażlu huma stess in-numri tat-tluq dakinhar tal-finali. Dan sar skont l-ordni ta’ prestazzjoni waqt is-semi finali li nġrew il-Ħadd 3 ta’ Diċembru.