Fi tmiem il-ġimgħa saru total ta’ 23 tiġrija tat-trott fejn bla dubju l-aktar mistennija kienu ż-żewġ finali mill-kampjonat Assikura għal żwiemel tal-klassijiet Gold u Bronze. Fi żmien ġimgħa r-rekord nazzjonali fuq distanza ta’ 2140m reġa nkiser hekk kif Quite A Feeling misjuq miż-żagħżugħ Dolan Casha rnexxielu jirbaħ il-finali tal-Klassi Gold mill-Kampjonat Assikura f’medja ta’ 1’13”2. Il-finali tal-Klassi Bronze ukoll kellha tmiem eċitanti fejn Duc d’Haufor misjuq minn Redent Magro ħareġ rebbieħ sabiex dan iż-żiemel ħa t-tielet rebħa konsekuttiva tiegħu biex iddomina fit-tliet fażijiet ta’ dan il-kampjonat.
Wara dawn iż-żewġ finali il-Managing Director tal-Kumpanija Assikura Andrew Grech flimkien maċ-Chairman tal-Malta Racing Club Edwin Borg ippreżentaw it-tazzi lir-rebbieħa.
Kellna tliet tiġrijiet għall-klassi Premier fuq distanza ta’ 2640m li raw lil Up and Go misjuq minn Rodney Gatt jieħu t-tielet rebħa tiegħu minn daqstant tiġrijiet f’pajjiżna. Uttingeois misjuq minn Omar Cauchi ħa l-ewwel rebħa tiegħu f’Malta filwaqt li d-debba Sam Forget misjuqa minn Nathaniel Barbara rreġistrat l-ewwel rebħa tas-sena u l-ewwel waħda fi klassi Premier.
Klassi Gold kellna 4 tiġrijiet fejn ħarġu rebbieħa Metallic Beat, Valoro One u Glenn Boko t-tlieta li huma misjuqa minn Rodney Gatt kif ukoll Hilda Nalan misjuqa minn Clint Vassallo.
Iż-żewġ tiġrijiet riservati għal żwiemel li kienu għadhom ma rreġistrawx rebħa f’Malta intrebħu minn Leap Day Credit misjuq minn sidu Chris Vassallo u Black Is Black misjuq minn Andrew Farrugia.
Klassi Silver kellna sitt tiġrijiet li taw rebħiet lil Vic For Ever, Valentino du Sec, New York Broline, Ultra Dag, Hallas Judex u Verjak Heulinois b’dan ta’ l-aħħar ikun misjuq mis-sewwieq ta’ fama mondjali Jos Verbeeck li kien qed isuq għall-ewwel darba fil-korsa tal-Marsa. Ir-rebbieħa l-oħra fi tmiem il-ġimgħa kienu Peggy di Azzura, Amour Streamline, Emotion Boshoeve, Svennes Neo, Delice Majyc u Desir La Douve.