Wara li fl-aħħar żewġ staġuni l-BOV Tazza l-Kbira kellha ssir f’Ottubru minħabba l-waqfien tal-istaġun tat-tiġrijiet dovut għall-pandemija Covid19, din is-sena se terġa ssib postha fiż-żmien tradizzjonali tagħha jiġifieri fix-xhur ta’ Marzu/April.
Il-BOV Tazza l-Kbira hija l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża fil-kalendarju tat-tiġrijiet lokali u kull sid u sewwieq jaspira li jnaqqax ismu fuq dan it-trofej li jmur lura sal-1934. Hija tazza bi storja twila u li bħal kull ħaġa oħra kellha ż-żminijiet brillanti u oħrajn mhux daqstant sbieħ iżda li xejn ma jnaqqas mill-prestiġju tagħha.
Il-kompetizzjoni ta’ din is-sena tibda nhar il-Ħamis 31 ta’ Marzu b’sitt heats u total ta’ 72 żiemel fosthom tnax li se jkunu qed jagħmlu d-debutt tagħhom lokalment. L-ewwel erbgħa minn kull heat jikkwalifikaw għas-semi finali. Fost il-parteċipanti hemm ir-rebbieħ tas-sena 2019 Up and Go li s’issa irreġistra l-aqwa ħin fil-finali kif ukoll iż-żwiemel li spiċċaw fl-ewwel tliet postijiet fl-edizzjoni tas-sena l-oħra – Antoine du Bourg, Juvels Boy u Venale.
Hekk kif is-sidien ilhom għal dawn l-aħħar ġimgħat jippreparaw iż-żwiemel tagħhom kif ukoll ġew impurtati żwiemel ġodda apposta għal din il-kompetizzjoni, l-istennija fost id-dilettanti hija waħda kbira fejn wara nuqqas ta’ sentejn se jkunu jistgħu igawdu dan l-ispettaklu ta’ tiġrijiet dirett mill-korsa. Wieħed irid jirrimarka li l-programm ta’ nhar il-Ħamis huwa meqjus fost l-akbar meetings tal-istaġun hekk kif l-aqwa żwiemel ikunu qed jikkompetu kollha f’ġurnata waħda.
Il-Malta Racing Club jinsabu grati lejn il-Bank of Valletta li anke fl-aktar staġuni diffiċli dejjem urew is-sostenn tagħhom lejn it-tiġrijiet taż-żwiemel u din is-sena ser ikunu għal darb’oħra qed jappoġġjaw dan il-kampjonat riservat għall-aqwa żwiemel reġistrati mal-Malta Racing Club bħalissa.
Il-Bank of Valletta għandu impenn lejn is-saħħa u l-benesseri bħala parti mir-responsabbiltà tiegħu lejn l-Ambjent, Soċjali u l-Governanza. Il-Bank jagħti l-appoġġ tiegħu lil numru kbir ta’ inizjattivi sportivi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex li jippromwovu l-isport u l-benefiċċji tiegħu. Il-BOV Tazza l-Kbira ta’ din is-sena hija s-seba’ kompetizzjoni, sitta minnhom konsekuttivi, li qed jiġu appoġjati mill-Bank of Valletta permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Malta Racing Club.