Iż-żiemel franċiż Dreamer Boy rebaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tazza l-Kbira għall-Kassi Premier, finali li saret il-Ħadd wara nofs-in nhar fil-korsa tal-Marsa. Il-finali sponsorjata mill-Bank of Valletta kienet fuq distanza ta’ 2640m.
Dreamer Boy misjuq minn Charles Camilleri rebaħ l-isfida tal-ħdax il-żiemel ieħor f’finali sabiħa. Kienet finali b’żewġt uċuħ. Fl-ewwel parti kien hemm sfida bejn Espoir d’Elphigny (Michael Ellul), Velvet Gio (Rodney Gatt) u r-rebbieħ tas-sena lp-oħra Crack Money (Paul Galea).
Fl-aħħar 800 metru Crack Money safa’ skwalifikat filwaqt li fid-dritta finali daħal fix-xena Dreamer Boy li żied il-ġirja u ħareġ rebbieħ b’medja sabiħa ta’ 1.13.5” fil-kilometru. Segwew fl-ordni Velvet Gio, Estournel Mouriez (Jesmar Gafa’) u Akela Play (Charles Degiorgio).
Fi tmiem il-finali saret il-preżentazzjoni tat-tazza mill-Ministru tal-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima flimkien ma’ Kenneth Farrugia f’isem il-Bank of Valletta. It-trofej ġew ippreżentati lis-sewwieq Charles Camilleri u lis-sid taż-żiemel rebbieħ Stephen Ciangura.