Kmieni dalgħodu s-sewwieq Clint Vassallo telaq għall-Pariġi sabiex għada s-Sibt waranofsinhar jieħu sehem fl-10 edizzjoni tal-Prix de Rencontres Internationales du Trotteur Francais organiżżata mill-Le Trot fil-korsa ta’ Vincennes.
F’din it-tiġrija apparti Malta u Franza ser jieħdu sehem 13 il-pajjiż ieħor. Fuq distanza ta’ 2100m bi tluq bil-karozza iż-żwiemel parteċipanti qed jiġu rreklamati għal €22,000.Vassallo ħa jitlaq bin-numru 4 Viking Dream żiemel ta’ 9 snin li ilu ma joħroġ rebbieħ minn Marzu ta’ sentejn ilu.
Clint Vassallo s-sena l-oħra spiċċa fil-5 post tal-klassifika għall-aqwa sewwieqa u din is-sena jinsab fl-istess pożizzjoni pero diġa ssupera n-numru ta’ rebħiet.
Għall-istess okkażjoni l-Ġimgħa filgħaxija issir preżentazzjoni speċjali sabiex jiġu ppremjati l-aqwa żwiemel Franċiżi tas-sena 2017 fid-diversi pajjiżi madwar id-dinja. Filfatt żwiemel Franċiżi jinsabu fi 30 pajjiż differenti fejn is-sidien ta’ 23 minnhom kienu preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni. Fost dawn il-pajjiżi hemm ukoll Malta u s-sidien taż-żiemel Service Secret li b’9 rebħiet spiċċa l-aqwa żiemel Franċiż tas-sena l-oħra. Sabiex jirċievu t-tifkira hemm Andre Farrugia u Clive Agius.
Jakkumpanja lill-kontinġent Malti hemm ic-Chairman tal-Malta Racing Club Edwin Borg.