Malta rebħet il-Kampjonat tal-Mediterran u l-Baħar l-Iswed 2023 b’total ta’ 44 punt f’erba’ tapep differenti. Il-Ħamis wara nofs-in nhar, Malta ħadet sehem permezz ta’ Charles Camilleri, li spiċċa fil-ħames post. Biss Camilleri (ritratt fuq) ġab punti biżżejjed sabiex Malta tirbaħ dan il-kampjonat għat-tieni sena konsekuttiva.
Filfatt dak tal-bieraħ kien l-aħħar leg tal-Kampjonat tal-Mediterran u l-Ibħra interni tiegħu u li sar fil-korsa ta’ Sirakuża fi Sqallija. F’din l-okkażjoni Charles Camilleri irrappreżenta lil Malta fuq CANNIBAL FI, żiemel taħt it-taħriġ tat-trainer Giovanni La Rosa.
Fl-istess programm kien hemm ukoll il-kampjonati tal-Gżejjer, inizjattiva oħra ta’ l-Unioni tal-Mediterran b’dan il-kampjonat jara sewwieqa u żwiemel minn Malta jieħdu sehem. Dan kien possibbli bl-għajnuna finanzjarja ta’ EquestriMalta li qed tgħin sabiex sewwieqa u proprjetarji Maltin igawdu minn opportunitajiet barra minn xtutna biex jipprattikaw l-isports tat-tiġrijiet taż-żwiemel.
Il-parteċipanti lokali kienu EQUATEUR MAUZUN ta’ Ivan Stivala li kien misjuq minn Charles Camilleri, GOOD JOB misjuq minn wieħed mis-sidien tiegħu Jean Claude Pace, u ż-żwiemel ta’ l-istalel Farrugia, EL GUSTO misjuq mill-istess Cherise Farrugia u EN TOI J’ESPERE misjuq minn Tony Demanuele.
Hawnhekk ukoll Malta, permezz ta’ Jean Claude Pace (ritratti isfel), rebħet il-Kampjonat tal-Gżejjer fuq żewġ tappi li saru f’Malta u kif ukoll dik tal-Ħamis fi Sqallija bl-aktar ammont ta’ punti.
Il-bieraħ Jeanclaude Pace rebaħ biż-żiemel Good Job f’tiġrija sabiħa.
Din it-tiġrija ippermettiet ukoll li owners Maltin isuqu ġewwa Sqallija bl-għajnuna finanzjarja ta’ EquestriMalta.