Illum wara nofsinhar is-sewwieq Malti Charles Camilleri kien qed jikkompeti fil-Korsa ta’ Moska r-Russja hekk kif saret it-tieni tappa tal-Kampjonat tal-Mediterran u l-Baħar l-Iswed.
Is-sitt sewwieqa parteċipanti apparti l-Malti kienu mir-Russja, Serbja, Franza, l-Italja u l-Alġerija. B’żiemel tajjeb iżda skond it-trainer tiegħu numru ħażin Camilleri irnexxielu jieħu tluq mill-aqwa fejn mar fuq quddiem u kkontrolla mill-bidu sa l-aħħar tul id-distanza ta’ 1600m sabiex ħareġ rebbieħ biż-żiemel RAP.
Sagħtejn wara s-sitt ġerrejja reġgħu saqu. Iż-żwiemel kienu l-istess iżda kull sewwieq bidel iż-żiemel fejn min kellu n-numru 1 jieħu in-numru 6 biex fisser li Charles Camilleri issa kellu jitlaq bin-numru 1 u iż-żiemel Caspian Sin. Sfortunatament Camilleri seta’ biss jispiċċa fil-5 post bħal ma kien għamel fl-ewwel heat it-Taljan Francesco La Rosa li inċidentalment ħareġ rebbieħ ukoll biż-żiemel li saq Charlie aktar kmieni.
Dan fisser li bħal ma ġara fl-ewwel tappa, Malta u l-Italja akkwistaw l-istess ammont ta’ punti sabiex flimkien rebħu t-tieni tappa. Charles Camilleri ġie ddikjarat u premjat bħala l-aqwa ġerrej tat-tieni tappa peress li fir-rebħa rreġistra ħin aħjar mit-Taljan Francesco La Rosa.