‘Għandna ambjent isbaħ biex nilgħabu l-logħba li tant inħobbu’. Kienu dawn il-kummenti li għaddew bosta immigranti bħala ringrazzjament għall-faċilitajiet li għandhom issa fiċ-ċentru miftuħ fil-Marsa.
Ic-CEO ta’ Agency for the Welfare of Asylum Seekers Malta (AWAS) irringrazzja lill-kumitat olimpiku Internazzjonali għall-għajnuna finanzjarja kif ukoll lill-MFA li se jkunu qed jgħinu permezz ta’ numru ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ.
Il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali spjega li dan il-grawnd kien wieħed tal-konkos u li permezz ta’ dawn il-fondi nbidel għal wieħed sintetiku.
Dan il-kumitat se jkun ukoll responsabbli mill-manutenzjoni ta’ dan il-grawnd kif ukoll se joffri trasport b’xejn minn postijiet oħra fejn ikunu r-refuġjati biex ikunu jistgħu jgawdu wkoll minn dan il-grawnd.
Il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela tkellem dwar l-isfidi li jaffaċjaw dawn l-immigranti u huwa għalhekk li dan il-proġett jgħin biex iġib bidla pożitiva. Il-Ministru spjega kif il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali investa €41,400 f’dan il-proġett.
“Nixtiequ li jkun hawn numru ta’ turnew bejn l-immigranti u timijiet Maltin. Dan għandu jkun ta’ għajnuna għar-residenti.” stqarr il-Ministru Carmelo Abela.
Il-Ministeru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali flimkien mal-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jaħdmu flimkien biex jinfetaħ Job Recruitment office fiċ-Ċentru miftuħ tal-Marsa.