Kelliem għan-Nazzjonijiet Maqgħuda għadu kemm sostna li forzi leali lejn il-President Sirjan Bashar al-Assad daħlu qalb id-djar f’Aleppo u qatlu kiesaħ u biered mat-tmenin persuna.
Din l-istorja li għadha qed tiżviluppa taf tixhed is-sitwazzjoni traġika li għaddejja bħalissa f’Aleppo, belt li kważi waqgħet kollha f’idejn il-Gvern Sirjan.
Dan wara li r-ribelli li qed jopponu lil al-Assad kienu kostretti li jaħarbu jew iċedu minħabba l-offensiva militari massiċa li twettqet fl-aħħar ġimgħat mill-forzi tal-pajjiż u l-ajruplani tal-gwerra Russi.
Aleppo ilha żmien ikkontrollata mir-ribelli iżda fil-jiem li għaddew il-President Sirjan qal li l-qawwiet tiegħu jinsabu viċin li jiksbu rebħa kruċjali fil-gwerra ċivili li ilha għaddejja għal aktar minn ħames snin.