Il-Prim Ministru dalgħodu ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, li preżentaw proposti tagħhom għat-tfassil tal-baġit tas-sena d-dieħla. Qalu li l-proposti huma maħsuba biex tingħata importanza lill-ambjent. Mistennija wkoll ikun hemm emfasi fuq min jixtieq jixtri t-tieni propjetà, wara li kienet ta’ suċċess kbir l-iskema ta’ ‘first time buyers’ għal min jixtri l-ewwel propjetà tiegħu.
Joseph Muscat qal li l-baġit għas-sena d-dieħla se jkun wieħed ta’ kontinwità u li fih m’hemmx sorpriżi. Se jkun maħsub biex jistimola l-ekonomija u l-investiment, b’emfasi fuq id-distribuzzjoni tajba tal-ġid. Stqarr li fadal aktar lok għal tkabbir u ideat innovattivi, bħat-tfassil ta’ master plan għaż-żona ta’ San Ġiljan. Dan joffri ċertezza lill-iżviluppatur u l-investitur, u jnaqqas deċiżjonijiet sporadiċi.
Il-laqgħa saret flimkien ma’ mastrudaxxi, persuni li jbiegħu affarijiet relatati mal-enerġija alternattiva, u aġenti fil-qasam tal-bejgħ u xiri ta’ propjetà. Joseph Muscat iddeskrivihom bħala tliet setturi importanti ħafna f’pajjiżna.
Il-president tal-assoċjazzjoni Sandro Chetcui esprima l-apprezzament tiegħu lejn il-ħolqien tax-xogħol u l-istabbilità ekonomika li hawn f’pajjiżna. Qal li din twassal biex tikber il-fiduċja fin-negozju. “Ilna snin twal ma naraw xogħol daqs illum” tenna Chetcuti, filwaqt li appella biex kull deċiżjonijiet titqies sewwa sabiex ma jsirux żbalji.