Il-kisba tar-Repubblika kienet waħda mill-aktar importanti fl-istorja ta’ pajjiżna, kif deskritta mill-eks Prim Ministri ta’ Malta Joseph Muscat u Alfred Sant f’kummenti ma’ ONE News, f’għeluq il-ħamsin sena minn din il-ġrajja storika li, għall-ewwel darba, rat lil Malta jkollha President tagħha, minflok il-Gvernatur li kien iwieġeb lill-kuruna Britannika.
Iż-żewġ eks mexxejja tal-Partit Laburista nnotaw kif ir-Repubblika kienet kisba li timxi id f’id flimkien ma’ dik tal-Indipendenza għaxar snin qabel u t-tluq tal-bażi Ingliża minn pajjiżna ħames snin wara.
Dr Joseph Muscat qal li, bil-kisba tar-Repubblika, pajjiżna laħaq il-qofol tiegħu. Hawnhekk innota kif dakinhar, il-Parlament ivvota bi kważi unanimità.
“Minnu nnifsu dak narah bħala xi ħaġa kbira, xi ħaġa li forsi nifhmu iktar kemm hi sinifikanti, meta nħarsu lejn pajjiżi oħrajn li għadhom għaddejjin b’dak id-dibattitu. Kien żvilupp ovvju demokratiku u kbir, importantissimu li naħseb ta l-qabża psikoloġika, naraha jien, biex insiru verament stat.”
L-eks Prim Ministru, Joseph Muscat
Min-naħa tiegħu, Dr Alfred Sant semma li l-ġrajja ta’ ħamsin sena ilu, kienet tarġa fl-iżvilupp kostituzzjonali, politiku u soċjali ta’ pajjiżna.
“Tarġa wara tarġa, wara tarġa, wara tarġa … Indipendenza, Repubblika, newtralità. Naħseb jien, dawn kienu żviluppi li taw rieda lill-poplu Malti u Għawdxi, l-identità tiegħu jsaħħaha, iħarsiha u jippromwoviha b’mod li, imbagħad, ksibna fiduċja fl-ekonomija tagħna fis-soċjetà tagħna, fil-kultura tagħna u stajna nibqgħu navvanzaw.”
L-eks Prim Ministru, Alfred Sant
Dr Sant kompla jgħid magħna kif, ħamsin sena wara, ir-Repubblika turi b’mod ċar is-sinjal qawwi tal-fiduċja li l-poplu Malti kiseb fih innifsu.