Proġett ta’ €400 miljun f’Limassol, Ċipru, mistenni jibda jilqa’ l-ewwel residenti fl-akkomodazzjonijiet lussużi tiegħu minn Mejju li ġej.
Il-bini tal-proġett imsejjaħ Limassol Greens jinvolvi konsorzju ta’ negozji Maltin, fosthom Alf. Mizzi & Sons Group, li jinkludi 27 kumpanija li joperaw f’setturi bħall-importazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti għall-konsum, ir-retail, il-manifattura, l-iżvilupp ta’ proprjetà, lukandi, restoranti u t-trasport.

Dan il-proġett mifrux fuq 1.4 miljun metru kwadru beda fl-2021 u mistenni jitlesta kompletament sal-2031.
L-ewwel 22 residenza se jkunu lesti x-xahar li ġej, waqt li 52 appartament lussuż ieħor jaraw ir-residenti fihom minn Ġunju.
B’kollox, il-proġett se jara l-iżvilupp ta’ 500 villa lussuża u 250 appartament, bil-prezzijiet ivarjaw minn €550,000 għal appartament u €5.5 miljun għall-villa. L-art estensiva se tinkludi wkoll korsa tal-golf fuq livell professjonali, ċentri kummerċjali, faċilitajiet għall-kura tas-saħħa u spazji ħodor miftuħin għall-pubbliku.