Il-forzi Ukraini ħelsu raħal ewlieni fir-reġjun tan-Nofsinhar ta’ Kherson minn idejn ir-Russi, u b’hekk ħaffu l-irtirar militari Russu minn aktar zoni fl-Ukrajna.
Il-Ministeru tad-Difiża fi Kiev tella’ filmat li juri l-35 brigata tal-baħar ittella’ bandiera tal-Ukrajna ‘l fuq minn Davydiv Brid, fost rapporti ta’ diversi rħula oħra fil-viċin li qed jieħdu l-kontroll tagħhom mill-ġdid.
Dan l-att simboliku qed ikun irrapportat minn diversi mezzi internazzjonali tax-xandir.
Il-forzi Russi diġà jirtiraw mill-Grigal tal-Ukrajna, u jidher li qed ikollhom jirtiraw minn-nofsinhar ukoll.
Dawn l-aħħar żviluppi qed iseħħu hekk kif il-President Vladimir Putin kellu jiffirma erba’ digrieti li jagħtu kontroll lir-Russi fuq aktar reġjuni Ukraini, filwaqt li l-gwerra kienet għaddejja f’dawn l-erbgħa reġjuni.
L-annessjoni m’għandha l-ebda leġittimità taħt il-liġi internazzjonali u l-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky iddikjarahom nulli u bla effett.