Waqt it-tieni qari tal-abbozz tal-liġi li jimplimenta l-miżuri tal-estimi b’rabta mal-Budget, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, saħaq fuq il-ħtieġa tat-titjib fl-istandards b’rabta mal-iżvilupp f’pajjiżna.
Fil-Parlament, huwa aċċenna għall-importanza ta’ aġenda li tassigura investiment u żvilupp sostenibbli.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-iżvilupp mhuwiex attività li tibda u tispiċċa fiha nnifisha, filwaqt li semma bosta miżuri sabiex jitjieb l-istandard tal-iżvilupp f’pajjiżna.
Huwa rrefera wkoll għall-proċess li għaddejja bih l-Awtorità tal-Ippjanar, li qed tagħmel studji dwar x’inhu l-iżvilupp li għandu bżonn il-pajjiż biex jimxi ’l quddiem.
Bħalma ssemma fil-Budget għal din is-sena, l-estetika saret tema importanti li l-politika dwarha mhux biss għandha tiġi emendata iżda wkoll inċentivata.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi semma wkoll il-konsultazzjoni pubblika li tnediet dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi involuti fil-bini, fit-twaqqigħ u fl-iskavar fil-qasam tal-kostruzzjoni. Huwa fakkar li l-għan ta’ dan il-liċenzjar huwa t-titjib tal-kwalità u tal-istandards.
Huwa semma l-fatt li l-akbar investiment f’ħajjet persuna huwa x-xiri ta’ residenza, u b’hekk dak li jinxtara għandu jkun tal-aqwa kwalità.
Intant, il-Ministru għamel appell għal aktar attenzjoni fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija, anke abbażi tal-politika Ewropea. Dan sabiex jitnaqqas il-konsum, u wkoll sabiex nikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħna.
“Importanti illi jkollna diskussjoni miftuħa, mas-settur privat, mal-investituri, mal-kuntratturi, ma’ min jagħmel il-bini, ma’ min jiddisinja l-bini, mal-professjonisti kollha involuti, għaliex irridu nsibu s-soluzzjonijiet kif pajjiżna jista’ jkollna bini li jkun aktar energy efficient, pero’ rridu nsibu soluzzjonijiet li ma jbatux in-nies bihom.”
Huwa qal li din tmur id f’id mal-effiċjenza finanzjarja. Stqarr li m’għandniex nitfgħu piżijiet ġodda, iżda nimxu lejn ekonomija aktar eoloġika.
“Il-bidla bħala parti mill-istrateġija tagħna lejn id-dekarbonizazzjoni, lejn l-ekonomija ta’ pajjiżna, imma li trid riflessjoni kbira, u parteċipazzjoni ikbar ta’ diversi nies iżda, fuq kollox, li tkun bidla illi biha ma nitfgħux piżijiet ġodda, imma li naslu biex dik it-triq lejn effiċjenza enerġetika u lejn ekonomija aktar ħadra, naslu biha permezz ta’ dan l-investiment.”