Fil-ħin li ġiet sospiża s-seduta tal-Parlament tal-Ħamis li għadda, deputati tal-Partit Nazzjonalista bdew jisfidaw għall-ġlied, u saħansitra, id-Deputat Chris Said kellu jinżamm milli jibqa’ sejjer għan-naħa tal-Gvern.
Fuq quddiem nett ta’ din l-attitudni konfrontattiva kien hemm ukoll il-Kap Bernard Grech, Karol Aquilina u David Agius.
Jikkonfermaw dan provi li għandha f’idejha l-gazzetta KullĦadd u ritratti li ppubblikat fuq il-faċċata.
Dawn ir-ritratti juru li fost dawk li l-aktar bdew isaħħnu l-irjus kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech.
L-istess attitudni konfrontattiva baqa’ juriha anki barra mill-Parlament, hekk kif meta ħareġ mill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, beda jinstiga lill-folla u jgħid lin-nies preżenti, “qumu minn hemm!”
B’reazzjoni għal dak li beda jagħmel Bernard Grech, il-folla bdiet tkun aggressiva, inkluż fil-konfront tal-ġurnalisti, tant li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin kellu joħroġ kundanna għall-aġir ta’ wħud mill-partitarji Nazzjonalisti preżenti.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia kellu jissospendi s-seduta Parlamentari waqt li kien qed jitkellem il-Prim Ministru, hekk kif fil-Kamra qamet kommossjoni sħiħa u d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia ma bediex iħalli lill-Prim Ministru jitkellem.
Sakemm waqfet ix-xandira, in-naħa tal-Oppożizzjoni kompliet toħloq l-iknwiet; bid-Deputat Chris Said deher jipponta s-swaba’ u jkun aggressiv fil-konfront tal-membri tal-Gvern.
Saħansitra qasam il-Kamra l-Ministru Byron Camilleri, biex bil-kalma kollha, iżommu milli jagħmel dan.
Fl-istess ħin beda jgħajjat il-kliem “ejja ejja”.
Bħalu, b’aġir aggressiv, ħafna għajjat u tixjir tal-idejn, kien hemm ukoll Bernard Grech u David Agius.
F’ħin minnhom, il-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar deher imur jipprova jkellem lil Bernard Grech, aktarx għax deherlu li dak mhux aġir ta’ Kap ta’ partit li jaspira li jsir Prim Ministru.
Eventwalment is-seduta kompliet u ħareġ ċar li l-pjan tal-Partit Nazzjonalista kien li jħarbatha, tant li wara dawn l-interruzzjonijiet kollha, għamilha ċara li ma kienx lest jibqa’ jiddiskuti aktar mis-sebgħa ta’ filgħaxija. Dan minkejja li l-mozzjoni ressaqha l-istess Partit Nazzjonalista.