Wara li fl-aħħar jiem kien iffirmat il-ftehim li se jwassal għal bini ta’ pixxina professjonali f’Għawdex, issa kienu żvelati wkoll il-pjanti għal pixxina li se jkun hemm mal-kumpless sportiv tal-Kottonera, f’Bormla.
Fil-Parlament, il-Ministru Evarist Bartolo, qal li l-proċess tal-permessi għadu għaddej u qiegħed fi stadju avvanzat. Dan filwaqt li poġġa d-disinji fuq il-mejda tal-Kamra għall-mistoqsija tad-Deputat David Agius.
Il-pixxina fil-Kottonera se tkun waħda professjonali biex b’dan il-proġett u x-xogħol li għaddej fil-pixxina nazzjonali f’Tal Qroqq il-pajjiż ikollu iktar faċilitajiet għall-isport akwatiku fejn qed jinkisbu diversi suċċessi.