Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħallas $38 miljun f’taxxa fuq dħul ta’ aktar minn $150 miljun fl-2005, dan skont ftit dettalji mhux uffiċjali li ġew żvelati minn sorsi dwar id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa ta’ Trump.
Iż-żewġ paġni bid-dettalji tad-dikjarazzjoni tat-taxxa juru wkoll li hu ddikjara $103 miljun f’telf, skont informazzjoni li ġie żvelat mill-istazzjon MSNBC.
Il-White House qalet li, li wieħed jippubblika d-dikjarazzjonijiet tat-taxxa huwa kontra l-liġi.
Trump irrifjuta li jippubblika d-dikjarazzjonijet tat-taxxa waqt il-kampanja elettorali. Hu kien qal li jinsab taħt awditjar mill-awtoritajiet tat-taxxa u li l-avukati tiegħu tawh il-parir li m’għandux jippubblika dawn id-dokumenti. Diversi persuni kkritikawh fejn sostnew li din l-għażla turi kif Trump kien qed jaħbi xi ħaġa.
Korrispondenti qalu li, minkejja li s’issa ħarġet biss ftit informazzjoni minn sorsi mhux uffiċjali, xorta waħda hi sinifikanti għax ftit hi l-informazzjoni li wieħed jaf dwar x’iddikjara l-President Trump, u din l-informazzjoni ġdida taf iżżid it-tensjoni biex jippubblika aktar informazzjoni.