Nhar il-Ħadd li għadda, waqt l-għadd tal-voti għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, faqqgħet ġlieda oħra fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, bil-Kap Bernard Grech jipprova jikkalma s-sitwazzjoni meta eskalat sew, iżda din baqgħet tippersisti.
Żvela dan is-sit Lovin’ Malta, li sostna kif kollox beda b’argument bejn id-Deputati Joe Giglio u Eve Borg Bonello.
Kien għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija meta, fi group chat ta’ WhatsApp tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, Joe Giglio tefa’ artiklu li wera ritratt ta’ Borg Bonello fil-Parlament b’karta mwaħħla mal-laptop tagħha taqra “Daphne kellha raġun”.
Pront tkellem l-eks Kap Adrian Delia, li għamel żewġ sinjali ta’ mistoqsija, li bihom qajjem l-irwiefen.
Giglio wieġeb li l-Partit Nazzjonalista mar aħjar, b’referenza għar-riżultat elettorali, iżda li l-gimmicks ma għenux.
Dan b’botta ċara lejn Eve Borg Bonello.
Giglio żied jgħid li rridu nifhmu li ħadd mhu akbar mill-Partit Nazzjonalista.
“Hawn min jibqa’ sieket, imma jien nitkellem bil-libertà kollha, għax m’għandix bżonn il-politika”, żied jgħid Giglio.
M’għaddiex ħafna ħin li ma qamitx Borg Bonello twieġbu u b’mod sarkastiku qaltlu li l-wirja tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġiet bis-saħħa tiegħu. Giglio wieġeb bil-kliem, “How sad.”
Imbagħad qamu oħrajn jgħidu li għajjew jaraw lill-Partit Nazzjonalista moħħu fis-selfies u talab lil Borg Bonello żżomm postha, għax għadha żgħira.
Borg Bonello reġgħet qamet u qalet: “Forsi xi ħadd ifakkarni min ma jiħux selfies.”
Imbagħad daħlet fil-ġlieda d-Deputata Janice Chetcuti li qalet: “Intom bis-serjetà?”
Borg Bonello qalet li veru hekk hu, imma xi ħadd qam bihom.
Anke Deputati, bħal Mark Anthony Sammut, daħlu fl-argument sħun li kien għaddej u Borg Bonello kompliet tinstiga billi tefgħet botti lejn Giglio u qalet li hi ma tiddefendix kriminali.
Kien wara dan il-ġlied kollu li Bernard Grech daħal biex jipprova jikkalma s-sitwazzjoni li eskalat u l-Whip Robert Cutajar wissa li se jagħlaq il-group chat fuq WhatsApp.
Is-sit Lovin’ Malta rrapporta li, imbagħad, Giglio baqa’ għaddej bl-argument u jgħid li ħadd m’għandu jumilja lill-Kap, b’Borg Bonello tgħidlu: “Se nibqgħu sejrin biha? M’għedniex se nieqfu? Int speċjali?”
F’dan il-mument, Ivan Bartolo wkoll ipprova jpaċi s-sitwazzjoni u Giglio deher li qed jaqbel miegħu.
Kien hawn li, tant il-ġlied kompla jeskala, li l-Whip kellu jagħlaq iċ-chat tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista fuq WhatsApp.