Ġiet żvelata uffiċjalment il-ħames ġenerazzjoni tal-PlayStation.
Il-PlayStation 5 kienet ilha mistennija għal numru ta’ ġimgħat mill-ammiraturi kollha tal-logħob bil-PlayStation li jħobbu jqattgħu l-ħin liberu jilagħbu xi logħba.
Tkellimna ma’ sid ta’ ħanut li jbigħ il-logħob tal-Playstation u l-Playstations li qasam magħna wħud mill-affarijiet żvelati l-Ħamis filgħaxija.
“Ħerġin żewġ tipi – diġitali ma tkunx bid-diska u hierġa l-oħra bid-diska kif nafuha aħna hawnhekk. Għalina iżjed popolari bid-diska, il-kollezzjonisti jikkollezzjonaw is-CD, toħroġ collectors’ edition jikkollezzjonaw l-istatwa ta’ magħha imma ħa jkun hemm żewġ verżjonijiet,” spjega Charlot Azzopardi.
Bosta kummentaturi fil-qasam qalu kif id-differenza bejn logħba u realtà kompliet tonqos.
“Resqin vera lejn ir-realtà issa anka tara d-dettalji u l-uċuħ tagħhom, per eżempju rajna daqxejn trailers bħal Gran Turismo u hekk id-dettall tal-karozzi qiesek riesaq lejn ir-realtà. Qisek qed taħdem film,” qal Azzopardi.
Dan grazzi għall-aħħar teknoloġija fil-processor, il-graphics card kif ukoll għall-ewwel darba l-użu ta’ solid state drive minflok il-hard disk tradizzjonali.
Minbarra l-console innifisha, l-ewwel immaġini tal-playstation 5 tinkludi ukoll l-ewwel trailers tal-logħob il-ġodda mistennija.
“Li rajna fosthom kien hemm Ratchet & Clank fost it-tfal. Racing game hija Gran Turismo one of the tops minn dejjem aħseb u ara issa xi graphics ħa jkollha. Hemm hitman it-3, tidher li msemmija ħafna qisa film. Horizon zero dawn 2 wkoll mistennija ħafna, spider man. Huma fost il-ftit li huma mistennija ħafna,” semma Azzopardi.
Il-Playstation 5 hija mistennija li toħroġ għall-aħħar ta’ din is-sena mal-festi tal-Milied.
Madanakollu dejjem ikun hemm min jixtieq jibqa’ jilgħab il-logħob tal-console ta’ qabel. Ħaġa li sa issa qatt ma kienet possibbli.
“Dil-problema se tkun solvuta għax jekk tixtri Assassin’s Creed li ħierġa f’Ottubru fuq il-Playstation 4 tgħid ħa nixtriha u ma nkunx nista nilgħaba fuq il-PS5? Le tista tixtriha għax il-PS5 ħa tkun backward compatible,” iddikjara Azzopardi.
Għalkemm il-prezz tal-Playstation 5 għadu ma ġiex żvelat, huwa mistenni li dan jiżboq xi ftit il-prezz li inbigħat il-Playstation 4 meta nħarġet fl-2013.
Huwa mistenni wkoll li l-console se tkun qed tiflaħ b’mod komdu, logħob u streaming fil-kwalità 4K.