Tressqu mill-ġdid l-aħwa George u Alfred Degiorgio hekk kif dalgħodu bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ fejn huma mixlija b’ħasil ta’ flus flimkien mas-sieħba ta’ George Degiorgio, Anca Adelina Pop.
L-ispettur Antonovich Muscat li huwa l-prosekutur ta’ dan il-każ, xehed fil-Qorti kif wara li l-aħwa Degiorgio tressqu l-Qorti mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Pulizija rċiviet tagħrif li ndika li l-aħwa Degiorgio u s-sinjorina Pop kienu jgħixu ħajja lussuża meta dawn ma kellhomx il-meżżi biex jagħmlu dan.
Minn hawn skattat investigazzjoni li wasslet biex ġie sttabbilit li t-tliet akkużati jippossedu diversi karozzi, dgħajjes kif ukoll li ttrassferixxew somom kbar ta’ flus kontanti barra minn Malta.
Fil-Qorti ħareġ ukoll kif it-tlieta li huma qatt ma mlew formoli tat-taxxa kif ukoll li kienu ilhom żmien twil ma’ jaħdmu, saħansitra għal 35 sena fil-każ ta’ George Degiorgio.
Il-każ ser ikompli fit-12 ta’ Lulju meta l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud mistennija tagħti d-deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest.