Il-kamra tal-aħbarijiet BBC tiżvela li għandha eluf ta’ ritratti li nkisbu minn sistema sigriet tal-pulizija fiċ-Ċina li tiżvela aħbar xokkanti fejn numru kbir ta’ persuni li għandhom twemmin Musulman fir-reġjun ta’ Xinjiang spiċċaw priġunieri abbażi għat-twemmin reliġjuż tagħhom.
Fil-fatt, l-investigazzjoni li għamlet il-BBC turi kif iċ-Ċina użat kampijiet bħala hekk imsejħa skejjel bil-ħsieb li teduka lill-komunità Uyghurs, iżda, m’huma xejn għajr kampijiet ta’ detenzjoni tal-massa.
Id-dokumenti li għandha f’idha l-BBC juru evidenza ċara li fil-mira hemm kull persuna li għandha konnessjoni mal-kultura u fidi iżlamika tal-grupp etniku Uyghur.
Fis-snin riċenti, iċ-Ċina ġiet akkużata li possibilment wettqet ġenoċidju tal-popolazzjoni Uyghur u gruppi etniċi oħra, li fil-biċċa l-kbira tagħhom għandhom twemmin reliġjuż Musulman.
Hemm evidenza wkoll illi n-nisa qed jiġu sterilizzati biex tinqered il-popolazzjoni ta’ dan il-grupp etniku, filwaqt li hemm allegazzjonijiet li xi wħud kienu qed jiġu abbużati sesswalment u anke ttorturati.