Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti, niedew l-installazzjoni Urban Fabric, l-ewwel Padiljun ta’ Malta li qed jiġi ppreżentat fil-London Design Biennale, li qed jitella f’Somerset House, Londra.
Matul it-tnedija, il-Padiljun ta’ Malta ospita prestazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi Maltin KorMalta u ŻfinMalta. L-installazzjoni tal-Padiljun ta’ Malta ġiet iddisinjata minn Open Square Collective, magħmul mill-Perit Matthew Joseph Casha li huwa l-lead creative, id-disinjatur tal-moda Luke Azzopardi, l-artist u akkademiku Trevor Borg u l-Perit Alessia Deguara.
“Din hija wegħda elettorali oħra mwettqa. Din il-parteċipazzjoni għandha l-għan li tesebixxi s-settur artistiku u kulturali ta’ pajjiżna kif ukoll li ssaħħaħ il-profil internazzjonali tad-disinjaturi Maltin. Kommessi li nibqgħu naħdmu biex insaħħu l-pjattaforma internazzjonali għas-setturi kulturali u kreattivi. Permezz ta’ dawn l-isforzi qed inkomplu nwettqu l-missjoni tagħna li nesponu aktar lill-industriji kulturali u kreattivi tagħna”, stqarr il-Ministru Owen Bonnici.
Il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-London Design Biennale ssegwi padiljuni oħra ta’ suċċess f’festivals internazzjonali bħall-Biennale ta’ Venezja, bix-xogħlijiet u esebizzjonijiet ikkummissjonati mill-Kunsill Malti għall-Arti jirċievu rispons pożittiv ħafna mill-midja internazzjonali.
L-installazzjoni ta’ Malta hija ddisinjata minn taħlita ta’ arti, arkitettura u b’disinn innovattiv u sostenibbli. It-tim t’artisti wara dan il-proġett huma ismijiet magħrufa u rispettati fi ċrieki artistiċi lokali u internazzjonali, fejn ikkollaboraw f’diversi proġetti ta’ livell għoli.
Ħafna mill-materjali minn Urban Fabric se jiġu użati mill-ġdid għal installazzjoni ġdida fil-Belt Valletta fl-2024.
Il-London Design Biennale qed jitella f’Somerset House bejn l-1 u t-30 ta’ Ġunju 2023.
Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq www.urbanfabricmalta.com u fuq www.artscouncil.mt.