L-istazzjon televiziv nazzjonali Franċiż żvela d-disinn tal-palk tal-Junior Eurovision Song Contest hekk kif il-Belt kapitali Pariġi ser tospita l-festival ta’ din is-sena fid-19 ta’ Diċembru li ġej.
It-tema tal-palk, hija ispirata mil-laqam li Pariġi hija magħrufa għalih, iġifieri ‘Belt tad-dawl’ . Fid-disinn naraw spazju tajjeb għall-kantanti u żeffiena li jistgħu jakkumpanjaw il-kanzunetti flimkien ma’ żewġ pontijiet, wieħed kull naħa li jirrapreżentaw lil din il-belt fantastika.
Din ser tkun id-19-il edizzjoni tal-Junior Eurovision Song Contest u s-serata ser titella’ ġewwa La Seine Musicale, sala spettakolari, waħda mill-isbaħ fl-Ewropa. Malta ser tkun irrapreżentata minn Ike u Kaya bil-kanzunetta ‘My Home’.