Inqas minn elf jum ’il bogħod mill-Kampjonat tal-futbol tal-EURO 2024, il-UEFA żvelat il-logo għall-Kampjonat Ewropew fil-grawnd Olimpiku f’Berlin.
Din hija l-ewwel darba li l-Ġermanja se tospita din il-kompetizzjoni Ewropea, li se ssir bejn is-sebgħa ta’ Ġunju u s-sebgħa ta’ Lulju tal-2024.
Il-Ġermanja tal-Punent kienet ospitat il-kompetizzjoni fl-1988.
Il-logo juri l-forma tat-Tazza Henri Delaunay – it-trofew tal-kampjonat imsemmi wara l-ewwel President tal-UEFA, impoġġija fuq forma ovali u kkulurita li tirrifletti s-saqaf tal-grawnd Ġermaniż.
L-istess logo għandu kuluri mill-bnadar tal-ħamsa u ħamsin pajjiż membru tal-UEFA, li qegħdin f’erbgħa u għoxrin linja madwar it-trofew bħala rappreżentazzjoni ta’ erbgħa u għoxrin tim li eventwalment se jikkwalifikaw għat-turnew fil-Ġermanja.
L-organizzaturi qalu li l-logo se jippromwovi turnew fejn id-diversità tkun iċċelebrata u kulħadd għandu jħossu milqugħ.
L-islogan tal-Kampjonat “United by Football” għandu jwassal ukoll messaġġ ta’ għaqda u inklużjoni.