Ġie żvelat id-disinn tal-erba’ Reuse Centres li se jinfetħu fiċ-Ċentri għall-Iskart Goff ta’ Ħal Luqa, Ħal Far, l-Imrieħel u Tal-Kus f’Għawdex.
Dawn iċ-ċentri, li mistennija jinfetħu sal-aħħar ta’ din is-sena, se joffru oġġetti użati li għadhom f’kundizzjoni tajba u li jistgħu jerġgħu jintużaw, bħal ċeramika, ġugarelli, kotba u biċċiet tal-għamara.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca qal li permezz ta’ dawn iċ-ċentri se jkun imħeġġeġ l-użu mill-ġdid ta’ oġġetti li jkunu għadhom tajbin, u allura tiżdied ir-responsabbiltà fil-konsum.
Qal, “Dan huwa proġett li ħa jkun importanti ħafna għall-ekonomija ċirkolari għax affarijiet li jkunu ħa jintremew li jkunu għadhom ta’ kwalità eċċellenti, se jmorru f’dawn il-ħwienet biex ikunu jistgħu jerġgħu jidħlu fl-ekonomija jiġifieri jidħlu għand in-nies billi jiġu f’dawn il-ħwienet u bi ftit flus, ikunu jistgħu jgawdu minn prodotti ta’ kwalità tajba flok dawn il-prodotti jintremew.”
Waqt żjara li għamel fiċ-Ċentru għall-Iskart Goff ta’ Ħal Luqa, il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia qal li dan il-proġett huwa wieħed mill-aktar mezzi effettivi ta’ kif jista’ jonqos l-impatt fuq l-ambjent.
Fakkar li l-ħsieb wara dawn iċ-ċentri huwa wieħed sostenibbli li jkompli jibni fuq il-kunċett ta’ ekonomija ċirkolari.
Spjega, “Se jkun hawn madwar erbgħa, tlieta f’Malta u wieħed f’Għawdex biex jikkumplimentaw il-pjan tagħna ta’ waste management sal-2030. Jikkumplimentaw ukoll l-investiment kbir li qed nagħmlu fl-infrastruttura ġewwa l-pajjiż u nkomplu nsaħħu l-kunċetti ta’ reuse, reduce u recycle li għandna f’pajjiżna.”