Tista’ tidħol fil-katakombi tal-Abbatija tad-Dejr fir-Rabat mill-kumdità ta’ darek, hekk kif Heritage Malta qed toffri vjaġġi virtwali f’siti u mużewijiet fuq il-midja soċjali. Imħaffra fil-blat, il-katakombi tal-Abbatija tad-Dejr huma sit uniku tal-Kristjaneżmu Bikri, li serva wkoll bħala monasteru tal-eremitaġġ. Il-katakombi huma differenti minn oħrajn fir-Rabat stess, minħabba li tħaffru fil-blat fil-wiċċ u mhux taħt l-art.
Il-kuratur anzjan ta’ Heritage Malta għas-siti Feniċi, Rumani u Medjevali, David Cardona, jispjega kif l-Abbatija tad-Dejr hija maqsuma f’erba’ ipoġej imħaffra maġenb xulxin. Maż-żmien, dan serva ta’ monasteru u baqa’ jintuża sa minn tal-anqas is-seklu sittax.
Għalkemm mhux magħruf bl-eżatt meta l-post beda jintuża bħala ermitaġġ, hu maħsub li l-post intuża biex il-popolazzjoni terġa’ tħaddan il-Kristjaneżmu wara sekli ta’ okkupazzjoni mill-Musulmani.
L-eqdem deskrizzjoni tas-sit saret mill-Monsinjur Fabio Chigi fl-1657, u l-ewwel pjanta tal-post tħaddmet fl-1657. Kien l-istoriku Giovanni Francesco Abela li ppubblika disinn tal-katakombi u pprovda deskrizzjoni ċara tal-kappella u l-oqbra li kienu viżibli.
Qal kif, “Dan il-kumpless huwa wieħed mill-mijiet ta’ kumplessi simili li jinsabu taħt dak li llum ngħidulu r-Rabat. Għalhekk hu importanti li kumplessi bħal dawn jiġu dokumentati u studjati biex nifhmu aħjar din il-parti importanti tal-istorja ta’ Malta.”