Nhar is-Sibt 19 ta’ Mejju fl-okkażjoni tal-avveniment kulturali mifrux fuq tlett ijiem, Gozo Alive, Heritage Malta se tiftaħ is-siti u l-mużewijiet f’Għawdex b’xejn.
Is-siti u l-mużewijiet li se jkunu miftuħa b’xejn huma l-Mużew tal-Arkeoloġija ta’ Għawdex, il-Ħabs l-Antik, il-Mużew tal-Istorja Naturali Għawdxija u d-Dar Storika Gran Castello li jinsabu fiċ-Ċittadella u t-Tempji tal-Ġgantija u l-Mitħna Ta’ Kola fix-Xagħra.
L-erba’ mużewijiet fiċ-Ċittadella se jiftħu filgħodu bejn id-9.00am u l-5.15pm u filgħaxija bejn is-7.30pm u l-11.30pm. Iċ-Ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella ukoll se jiftaħ b’xejn fl-istess ħinijiet. It-Tempji tal-Ġgantija u l-Mitħna Ta’ Kola se jiftħu bejn id-9.00am u l-5.15pm.
Matul il-ġurnata se jingħataw ukoll żjajjar bi gwida f’erba’ siti ta’ Heritage Malta. Dawn jinkludu l-Ħabs l-Antik fl-10.00am, it-Tempji tal-Ġgantija fil-11.00am, id-Dar Storika Gran Castello fil-11.30am u l-Mitħna Ta’ Kola f’12.00pm.