Fi tmiem din il-ġimgħa l-Forti Sant’Iermu se jospita s-Suq Malti tal-Artiġġjanat, u Heritage Malta qegħda toffri l-possibbiltá lill-viżitaturi jżuru l-Forti, il-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra u l-wirja Valletta 1566 – Melita Renascens għall-prezz imraħħas ta’ €5.
Id-dħul għas-Suq Malti tal-Artiġġjanat se jkun b’xejn għal kulħadd. Dawk kollha li jixtiequ jżuru l-Forti għandhom l-opportunità li jixtru biljett imraħħas minn ħdejn il-Porta del Soccorso.
Forti Sant’Iermu hija mibnija f’pożizzjoni strateġika fil-ponta tal-Għolja Sceberras u tiddefendi d-daħla taż-żewġ portijiet, il-Port ta’ Marsamxett u l-Port il-Kbir. Il-Forti, f’forma ta’ stilla, inbniet mill-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1552 u fl-Assedju l-Kbir sofriet ħsarat kbar. Madankollu wara r-rebħa tal-Kavallieri fuq l-Ottomani, il-Forti reġgħet inbniet u ġiet inkluża wkoll fil-fortifikazzjoni li jdawwru l-Belt Valletta. Matul is-snin il-Forti għaddiet minn għadd ta’ ristrutturazzjonijiet. Forti Sant’Iermu kellha rwol importanti wkoll matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Wara li r-Royal Malta Artillery telqu mill-Forti fl-1972, snin wara l-parti ta’ fuq intużat mill-Akkademja tal-Pulizija. Riċentement il-parti ta’ fuq tal-Forti Sant’Iermu ġiet restawrata u tospita wkoll il-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra.
Fil-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra hemm kollezzjoni mill-aqwa b’rabta mal-istorja militari ta’ pajjiżna li jmorru lura sa żmien il-pre-istorja. L-istorja militari hija rrakkontata mhux biss ferm tajjeb fil-metodu tradizzjonali iżda wkoll b’mezzi teknoloġiċi ġodda. L-artefatti huma esebiti b’mod kronoloġiku, bl-enfażi ewlenija hija fuq l-Assedju l-Kbir tal-1565 u r-rwol ta’ Malta matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Is-Suq Malti tal-Artiġġjanat se jsir fil-parti tal-Enceinte, li tinsab imdawwra mis-swar maestużi tal-Forti. L-għan tas-Suq Malti tal-Artiġġjanat huwa li jippromwovi l-artiġġjanat u l-arti lokali u prodotti ta’ kwalitá ta’ ikel.
Forti Sant’Iermu tiftaħ bejn id-9.00am u s-6.00pm filwaqt li l-wirja Valletta 1566 – Melita Renascens tiftaħ bejn id-9.00am u l-5.00pm