F’temp ta’ jumejn minn meta bdiet ix-xitwa għall-industrija tal-avjazzjoni, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ t-tieni titjira inawgurali għall-istaġun. L-ewwel titjira tal-linja tal-ajru Ryanair minn Belfast niżlet fl-ajruport tard nhar it-Tnejn u stabbilixxiet konnessjoni diretta bejn Malta u l-Irlanda ta’ Fuq.
Dan is-servizz ser ikun offrut kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ġimgħa, bit-titjiriet lejn Belfast International Airport jieħdu madwar tliet sigħat u nofs. Mit-terminal wieħed jista’ jasal fiċ-ċentru tal-belt permezz ta’ servizz ekspress regolari offrut mill-ajruport jew inkella permezz ta’ vjaġġ bil-karozza li jieħu madwar 30 minuta. Passejn bogħod miċ-ċentru wieħed isib Titanic Belfast.
Din il-binja ta’ sitt sulari, li tinsab qrib ħafna lpost fejn il-bastiment Titanic ġie ddisinjat, mibni u varat, toffri l-aktar esperjenza komprensiva firrigward tat-Titanic u l-istorja tiegħu. Belfast u l-Giant’s Causeway reċentement ġew rakkomandati mill-gwida tal-ivvjaġġjar Lonely Planet fost l-aqwa reġjuni li wieħed għandu jżur fl-2018. Il-Giant’s Causeway, li ġiet iddikjarata Sit ta’ Wirt Dinji mill-UNESCO fl-1986, hija magħrufa għall-formazzjonijiet tal-blat tant interessanti u impressjonanti li jikkaratterizzawha, u li huma s-sors ta’ bosta leġġendi affaxxinanti.
F’Belfast wieħed isib it-Titanic Studios, fejn tinġibed is-serje tant popolari Game of Thrones. Il-belt tinsab ukoll qrib għadd ta’ postijiet mxerrdin madwar l-Irlanda ta’ Fuq fejn inġibdu wħud mill-mumenti l-aktar ikoniċi ta’ din is-serje u li wieħed jista’ jżur billi jieħu wieħed mit-tours ta’ Game of Thrones offruti. Il-kalendarju tal-avvenimenti ta’ Belfast jiżgura li l-belt tkun il-qalba ta’ ħafna attività tul is-sena kollha. Novembru sar assoċjat mas-C.S. Lewis Festival – festival li jiċċelebra kittieb li twieled u għex f’Belfast – u l-Armagh Georgian Festival, li jiġi mtella’ lejn l-aħħar tax-xahar u anki jagħti bidu għaċ- ċelebrazzjonijiet tal-Milied.
L-ekwipaġġ u l-passiġġieri fuq l-ewwel titjira minn Belfast intlaqghu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’ċerimonja li fiha nqasam kejk magħmul apposta għal din l-okkażjoni.