Il-Ministru għall-ġustizzja, kultura u Gvern lokali Owen Bonnici u s-Segreretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji Clifton Grima nedew proġett sensiela ta’ kunċerti mużikali li se jkunu mtellgħin minn mużiċisti żgħażagħ, li jġib l-isem ta’ Żunżana.
Iż-Żunżana huwa proġett konġunt bejn ħames soċjetajiet mużikali u l-iskejjel mużikali rispettivi tagħhom. Dan il-proġett ġie maħluq biex jgħin lill-istudenti jagħrfu aktar l-irwol u r-responsabilita tal-mużiċist meta jkunu mqabbadin minn soċjetajiet oħra biex jagħtu s-servizz mużikali.
Bhala Gvern aħna kommessi li nkomplu nsaħħu l-prodott kulturali lokali fiwaqt li nassigruaw li jkollna pjattaforma soda għall-benefiċċju tat-talent lokali biex dan jibqa’ jikber. Dan il-proġett jissottolinea wkoll l-importanza tal-kollaborazzjoni, tagħlim, u kif permezz ta’ ħidma flimkien, inkomplu ntejbu u nsaħħu t-talenti tagħna,” stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Is-Segreretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji Clifton Grima saħaq li permezz ta’ dan il-proġett kull student qed jingħata sensiela ta’ opportunitajiet biex iwitti t-triq mużikali tiegħu u jingħata l-opportunita’ li jieħu sehem b’mod attiv f’ħames kunċerti b’mużika differenti kif ukoll l li jdoqq ma’ student oħra minn skejjel mużikali differenti tal-istess livell.
“Proġetti bħal dawn, jgħinu b’mod ħolistiku lill-għaqdiet mużikali biex jippromwovu l-iskola mużikali tagħhom b’mod aktar attraenti u fl-istess waqt ikunu qegħdin jagħtu opportunità kbira lil kull student biex jimmatura mużikalment” qal is-Segretarju Parlamentari Grima.
Iż-żunżana huwa proġett b’investiment ta’ €10,000 li qieghed jilħaq b’mod dirett 26 student mill-ħames skejjel mużikali li bdew idoqqu mal-baned rispettivi tagħhom mis-sena 2013 ‘l quddiem.
Flimkien il-mużiċisti ser jaħdmu sabiex itellgħu ħames kunċerti mużikali, ilkoll b’mużika differenti f’kull lokalità. ‘Iż-Żunżana Mużikali’ ser tkun qed iddur minn post għall-ieħor ġewwa dawn il-ħames Għaqdiet Mużikali u ser tkun qed tiltaqa’ ma’ kulturi differenti, ser tmur iċ-ċinema, ser tiċċelebra Jum l-Omm, ser tmur it-Teatru, kif ukoll ser issir Supereroj.
Waqt dawn il-kunċerti ser jiġu wkoll mistiedna mużiċisti li bdew it-tagħlim tagħhom fil-mużika, komplew jistudjaw u llum il-ġurnata x-xogħol tagħhom huwa l-mużika, iżda għadhom jagħtu s-servizz tagħhom fis-soċjetajiet.
Dan il-proġett huwa parzjalment iffinanzjat mill-Aġenzija Żgħażagħ flimkien mal-Għaqda Każini tal-Banda mill-fond ‘It-Taħrig Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda’. Iż-Żunżana huwa proġett immexxi minn Għaqda Mużikali San Leonardu A.D. 1858 ta’ Ħal Kirkop flimkien mal-Għaqda Mużikali Vittorja tan-Naxxar, 12th May Band & Social Club f’Ħaż-Żebbuġ, Soċjeta Filarmonika Sagra Familja fil-Kalkara u s-Soċjeta’ Mużikali Santa Marija fil-Qrendi.