B’investiment ta’ tliet mitt elf ewro l-Gvern irranġa u għamel zuntier li jixraq lil Knisja u l-pjazza ferm maestuża taż-Żejtun.
Kienet ilha tinħass il-ħtieġa biex dan l-ispazju miftuħ jiġi rranġat u din l-idea kienet imnebbħa mill-mibki Joe Attard, eks Sindku Żejtuni.
Bla dubju spiża bħal din, l-ebda entità oħra ħlief il-Gvern ma seta’ jerfaha u filfatt il-Gvern irranġa dan iz-zuntier biex issa hemm dehra li tixraq.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg faħħar lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura li wettaq dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni fiż-żmien qasir ta’ sitt xhur.
Qal li dan ma kienx xi proġett faċli hekk kif kien jinvolvi ħafna xogħol, minn tneħħija ta’ materjali antiki sa tisħiħ tal-qiegħ, pavimentar ġdid, restorazzjoni u armar ta’ tagħmir ġdid bħal dwal.
Waqt l-inawgurazzjoni tkellmet ukoll is-Sindku taż-Żejtun Doris Abela li qalet kif dan l-ispazju miftuħ riġenerat jikkumplimenta x-xogħol ta’ tisbiħ li qed isir fil-lokalità.
L-Arċipriet taż-Żejtun Dun Nikola Pace wkoll qal tiegħu u spjega kif huwa tajjeb li l-Gvern ċentrali jidħol biex jinvesti fi spazju li mhux essenzjalment biss tal-Knisja iżda jitgawda u huwa parti mill-ħajja komunitarja ta’ kuljum.