Il-kantant famuż Taljan Zucchero se jkun f’pajjiżna nhar is-17 ta’ Lulju li ġej fejn se jagħti kunċert waqt l-Għaxaq Music Festival din is-sena. Permezz tal-band u l-crew tiegħu, il-kantant se joffri dan l-ispettaklu bħala parti mill-‘Overdose D’Amore World Tour’ tiegħu.
B’karriera mifruxa fuq 40 sena, Adelmo Fornaciari, hu wieħed mill-aktar artisti Taljani li għamlu suċċess globalment u t-tour attwali diġà attira miljuni kbar għal esperjenza unika ta’ mużika soul, rock u blues, fost oħrajn.
Magħruf għall-preżenza inkredibbli tiegħu, Zucchero se jinterpreta f’pajjiżna sensiela ta’ kanzunetti klassiċi, li għadhom popolari sew sal-lum il-ġurnata, bħas-suċċess internazzjonali ‘Senza Una Donna’, ‘Baila (Sexy Thing)’, ‘Diavolo In Me’ u ‘Il Volo’.
Il-biljetti għall-kunċert se jibdew jinbiegħu minn fuq showshappening mill-Ġimgħa li ġej, f’Jum San Valentinu, fejn sas-16 ta’ Frar, se jkunu wkoll orħos.
L-Għaxaq Music Festival, li baqa’ jikber sena wara l-oħra b’artisti ta’ fama dinjija, għandu l-għan li mhux biss joffri spettakli kbar lokali, iżda wkoll li jgħin għaqdiet karitattivi.
Fil-fatt, stqarrija mill-organizzaturi tenniet li, mill-festival tas-sena l-oħra, inġabru €26,000 b’risq l-organizzazzjoni Embrace Diversity.
L-istess se jiġri bil-kunċert ta’ din is-sena fejn mad-dħul tintalab donazzjoni għall-karità.