L-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, l-MCCAA, ordnat li ma jsirx konsum ta’ total ta’ ħames żraben tat-tfal mixtrija mill-kumpaniji Shein u Temu wara li testijiet żvelaw li dawn il-prodotti ma kinux konformi mar-Regolament REACH 1907/2006 minħabba l-preżenza ta’ kimiċi li jaqbżu l-limiti legali, fosthom kadmju, ċomb, ftalati, u paraffini li potenzjalment għandhom effett negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem.
Dawn it-testijiet saru f’laboratorju akkreditat mid-Diviżjoni tar-Regolamenti Tekniċi fi ħdan l-MCCAA, fejn ġew ittestjati total ta’ 10 prodotti ta’ ħwejjeġ u żraben tat-tfal, jiġifieri T-shirts stampati, papoċċi, u żraben tax-xita.
L-Awtorità fakkret li, f’każ ta’ xi mistoqsijiet, il-konsumaturi huma mitluba jagħmlu kuntatt magħha billi jibagħtu email fuq marketsurveillance@mccaa.org.mt