Tlesta l-proġett f’żona fil-Qajjenza fil-limiti ta’ Birżebbuġa, li kienet ilha mitluqa, biex inbidlet fl-ewwel ġnien tal-komunità b’diversi siġar, arbuxelli u rampi biex il-post isir aċċessibbli għal persuni ta’ kull età u abbiltà.
Il-proġett introduċa 200 metru ta’ passaġġi għall-mixi, waqt li ġie installat ukoll tagħmir għal-logħob tat-tfal magħmul minn tajers u plastik riċiklat.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru Miriam Dalli, li saħqet fuq l-importanza biex inkomplu nittrasformaw l-ispazji urbani ta’ pajjiżna.
“Iż-żona tal-Qajjenza, li llum il-ġurnata għandha numru kbir ta’ familji u hi pjuttost urbana, ma kellhiex lanqas post wieħed fejn il-familji jistgħu jirrikreaw irwieħhom u flimkien mal-Kunsill Lokali sibna din il-parti li kienet għal kollox mitluqa, kienet parti li tiġbor fiha l-iskart u biddilniha għall-ispazju rikreattiv għall-familji tal-Qajjenza.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield faħħar lill-ħaddiema ta’ Clean Malta, li b’ħidmiethom wasslu biex tnaddaf is-sit għal dan l-ewwel community garden fiż-żona.
“Dan hu l-mod kif diversi entitajiet governattivi jistgħu jaħdmu flimkien. Aħna bħala diviżjoni tal-Cleansing and Maintenance hawnhekk naddafnieh, imbagħad, ladarba sar it-tindif tal-materjal kollu li kien hawn, daħlet l-entità Project Green li bdiet issebbaħ dan il-proġett.”
Glenn Bedingfield, Segreatrju Parlamentari
Is-Sindku ta’ Birżebbuġa, Scott Camilleri, enfasizza li dan il-ġnien hu parti mill-istrateġija tal-Kunsill biex ikompli jsaħħaħ iż-żoni miftuħa fil-lokalità, filwaqt li rringrazzja lil Project Green tal-kollaborazzjoni fuq dan il-proġett.