Il-familji Maltin u Għawdxin daqt ikollhom żona oħra ħadra, miftuħa u mill-isbaħ biex iqattgħu ħin ta’ kwalità ġo fiha.
Dan hekk kif għaddejjin ġmielhom ix-xogħlijiet fl-akbar park f’pajjiżna, f’Ta’ Qali.
Il-koordinatur tal-proġett, Jason Micallef, qal kif fil-Ġnien Formali tħawlu bosta siġar u pjanti, biex issa ħa dehra ferm isbaħ milli kien qabel.
Qal, “Kien ġnien li kellu bżonn ta’ rijabilitazzjoni kbira, biżżejjed ngħidlek illi hawnhekk għaddejjin eluf ta’ metri sħaħ ta’ passaġġi, eluf kbar ta’ metri ta’ pajpijiet tal-irrigazzjoni tal-ilma, dawl energy saving, latrina, l-amfiteatru, dressing rooms, imbgħad ukoll għandna pjan sħiħ ta’ landscaping f’dan il-pulmun aħdar.”
Il-proġett tal-ġnien mistenni jkun lest lejn l-aħħar ta’ din is-sena, biex imbagħad jibda jservi ta’ pulmun aħdar ieħor fiċ-ċentru ta’ pajjiżna.
Spjega, “Dan huwa spazju li pjuttost jinsab avvanzat, għax kif għidna se jkun qed jinfetaħ f’fażijiet. Il-kobor enormi tiegħu – concert area, adventure park, picnic park, farmer’s market, dan kollu għaddej bil-mod il-mod imma din hija fażi avvanzata ħafna li jien pożittiv li fl-aħħar tas-sena se tingħata lill-poplu.”
Ir-riġenerazzjoni fil-Park Nazzjonali Malti qed issir b’investiment ta’ għoxrin miljun ewro.