Żona pavimentata ma’ xatt il-baħar fl-Isla, inbidlet f’pop-up park li joffri spazju pjaċevoli għar-residenti u l-viżitaturi, waqt li jirrispetta l-kultura u l-wirt storiku ta’ din il-komunità.
Familji u tfal jistgħu jużawh biex jilgħabu logħob tradizzjonali u għal attivitajiet oħra fil-beraħ.
Il-park iqarreb ukoll in-natura lejn fejn jgħixu n-nies, bi rqajja’ ta’ flora lokalizzati li jistgħu wkoll jattiraw friefet u fawna oħra.
Din l-inizzjativa sarret permezz ta ħidma flimkien mill-Ministeru għall-Ambjent u Ambjent Malta, mar-ReCreate Project, mal-Kunsill Lokali tal-Isla u mar-residenti ta din iż-żona.
ReCreate huwa proġett tal-komunità mmexxi minn Ecostack Innovations b’kollaborazzjoni ma’ Dawra Madwarna, il-Kunsill Lokali tal-Isla u l-Università ta’ Malta.
F’dan il-proġett kien hemm kollaborazzjoni wkoll ma’ Ambjent Malta sabiex jintuża injam tal-pallet biex jinbnew qsari kif ukoll għamara ta’ barra, li tinkludi mwejjed u bankijiet.
Dr Mario Balzan, il-Fundatur ta’ Ecostack Innovations, spjega kif permezz ta’ dan il-proġett, l-imsieħba ewlenin qed jaħdmu mal-komunità biex b’mod proattiv jiġi rivedut l-ispazju urban u jerġa’ jingħaqad man-natura.
Stqarr, “Ġibna flimkien il-komunità biex noħolqu pop-up park, u ntejjbu l-ispazji miftuħin ġewwa l-Isla. Qegħdin nagħmlu dan biex nagħtu benefiċċju lis-soċjetà min-natura, kif ukoll nagħtu opportunitajiet ġodda lill-komunitajiet biex jirrikrejaw ruħhom.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli spjegat kif din l-inizjattiva turi kif diversi stakeholders jistgħu jaħdmu flimkien għal ambjent aħjar.
Il-Ministru nnutat li dan il-mudell ta’ involviment pubbliku jifforma parti integrali tal-investiment fit-tul mill-Gvern ta’ €700 miljun fi spazji ħodor sostenibbli għas-seba’ snin li ġejjin.
Hija qalet, “Spazju f’area daqshekk urbana, fejn l-ispazju miftuħ huwa limitat, rajna li noħolqu pop-up park, għal żmien temporanju. Nixtiequ li din l-idea, li intgħoġbot minn ħafna kemm jista’ jkun tiġi replikata b’mod partikolari f’lokalitajiet fejn l-ispazju miftuħ huwa limitat u ristrett ħafna. ”