Żona f’Bormla li bħalissa tinstab fi stat ta’ abbandun se tinbidel f’park għall-familja permezz ta’ proġett minn SportMalta li se jara din is-sit biswit il-Kottonera Sports Complex tinbidel f’nifs ġdid għall-familji tal-Kottonera.
Iż-żona ta’ madwar 20,000 metru kwadru se toffri spazju rikreattiv u avventuruż għall-familja permezz ta’ ziplines, passaġġi għall-mixi, parti għall-isparar tal-qaws u strutturi tal-injam għat-tixbit. Is-sit ser ikun maqsum b’attrezzi skond l-etajiet differenti sabiex b’hekk ikun wieħed sigur u aċċessibbli għal kulħadd.
Dan mhux l-unika proġett li SportMalta qed taħdem fuqu, bil-proġett tal-pixxina indoor ta’ livell olimpiku fil-kottonera fost l-oħrajn. Ic-chairmant a’ Sport Malta Luciano Busuttil stqarr kif dan ser ikun ċentru rikreattiv ta’ livell ogħli ħafna.
“Ha jkun hawn areas fejn anke t-tfal tal-iskola, t-tfal jistgħu jiġu u jitgħallmu anke kif jikkampjaw, jagħmlu tinda, ser ikun aw ħafna water features. Dan kollu nsibuh barra minn Malta u meta nsiefru ngħidu “kemm hu sabih” u “ħa nmorru hemm” issa ħa jkollna wieħed f’pajjiżna wkoll hawnhekk.”
Is-segretarju Parlamentari għall-isport u r-rikreazzjoni, Clifton Grima stqarr kif proġetti bħal dawn huma evidenza ċara li dan hu Gvern għan-nies.
“Bil-fatti dan huwa Gvern għan-nies u allura rridu nassiguraw propju li kemm jista’ jkun noffru prodott li huwa ta’ kwalitá li jista’ jitgawda mill-familji Maltin u Għawdxin.”
Is-sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli laqgħet dan il-proġett b’sodisfazzjon.
“Proġetti bħal dan konna ilna nistennew żmien għaliex ħafna nies jistaqsuna kif nistgħu nagħmlu użu minnu dan il-ġnien importanti fl-outskirts ta’ Bormla biex ingawduh aħna wkoll.”