Il-Fondazzjoni Richmond għandha rwol importanti fis-soċjetà hekk kif qed tgħin lin-nies jintegraw ma’ nies oħra.
Dan intqal minn mart il-Prim Ministru, Dr. Lydia Abela waqt żjara ġewwa l-Fondazzjoni Richmond flimkien mal-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, waqt żjara li għamlu sabiex jitfakkar il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali.
Mart il-Prim Ministru, Dr. Lydia Abela faħħret is-sehem strumentali ta’ din il-fondazjzoni kif ukoll tal-Ministeru għall-Familja li jissiġilla ftehimiet soċjali ma’ fondazzjonijiet bħal Richmond sabiex ikun jista’ jingħata l-aqwa servizz.
Dr. Abela stqarret: “Jitqajjem awareness fuq il-bżonn illi nieħdu ħsieb saħħitna mentalment, biex il-bniedem ikun jista’ jiffunzjona mija fil-mija fis-soċjetà biex ikun jista’ jintegra u jkun jista’ jagħti l-massimu tiegħu u jkun jista’ jaħdem, ikun jista’ jgħix fil-komunità u jkollu esperjenzi soċjali man-nies ta’ madwaru.”
Il-Ministru Michael Falzon qal kif l-għan ewlieni tal-Gvern huwa li jagħti appoġġ lil kull min hu għaddej minn xi forma ta’ sfida soċjali.
Il-Fondazzjoni Richmond tagħti bosta servizzi lil diversi nies, fosthom lil Margaret Pace li kienet tgħix f’Villa Chelsea u llum qed tgħix ħajja indipendenti bis-saħħa tal-għajnuna ta’ din il-fondazzjoni.
Hija qalet: “Konna nagħmlu affarijiet u hekk, isajru, innaddfu u hekk u kienu joħorġuna wkoll u nsomma kont għal qalbi ħafna, sakemm sabuli l-flat.”
Pace bagħtet messaġġ ta’ kuraġġ lil kull minn għaddej minn żmien diffiċli: “Jagħmlu kuraġġ, jiena kelli d-depression u fqiet minnha. Jagħmlu kuraġġ u ngħidilhom biex jieħdu ħsieb.”