Filwaqt li xi wħud għandhom ix-xorti li xi resident joħroġilhom dar ċkejkna għall-kenn mill-bard, oħrajn m’għandhomx l-istess xorti. Għalekk malli jibda jiksaħ it-temp, bosta qtates ifittxu post ta’ kenn u li jkun jarmi s-sħana bl-aktar għażla komuni tkun xi magna ta’ karozza. Minkejja li forsi ssakkar il-karozza, qattus jista’ faċilment jaċċessa l-magna billi jidħol taħt il-karozza u jitla’ minn taħt għal ġol-magna.
Hekk kif int terġa’ tirkeb fil-karozza u tixgħel il-magna, jaf dak il-qattus ma jindunax u jibqa’ rieqed bil-konsegwenza li jispiċċa jmut mewta kiefra.
Għalekk, issa li kesaħ it-temp, qabel tirkeb fil-karozza – jekk taf li fiż-żona fejn tgħix hemm il-qtates – ħabbat fuq il-bonnet tal-karozza sabiex tagħti ċans lil dak il-qattus jinduna u joħroġ minn fejn ikun staħba jew raqad.
Għalkemm ma tiħux ħafna ħin, dan il-ġest hu wieħed li jista’ jsalva il-ħajja ta’ ħafna qtates li filwaqt diġà għandhom xortihom ħażina għax qed jgħixu fit-triq żgur mhux forsi ma ħaqqomx imutu b’dan il-mod.