ONE News żar waħda mis-swali fil-faċilità ta’ kura fit-tul, San Vincenz De Paul, fejn iltqajna mal-anzjani li rrakkontawlna kif kienu jiċċelebrawh dari dan iż-żmien. Kellmuna dwar kif kienu jiċċelebrawh mal-familja, b’ħafna minnhom jiftakru żminijiet oħrajn meta l-Milied kienu jqattgħuh ma’ qrabathom u llum sabu familja oħra, dik fil-komunità tal-anzjani li jgħixu fiha.
Iżda għal xi wħud, żmien il-festi mhuwiex biss festini u ċelebrazzjonijiet. Semmewlna xorta li hemm min iħoss in-nuqqas ta’ qraba u ħbieb li m’għadhomx daqshekk viċin.
Bil-għan li l-anzjani jidħlu aktar fl-ispirtu tal-Milied, is-swali tal-faċilità jinsabu kollha mżejna għall-okkażjoni. Bil-borra finta nieżla li jfakkar anke f’kesħa staġjonali li xxoqq il-għadam, il-figura tal-Father Christmas jiċċaqlaq bħal qisu jiżfen mal-mużika fl-isfond u bid-dawl iteptep fl-istilel imlewna, biswit il-presepju b’pasturi mdaqqsa madwar iċ-ċkejken Bambin jiddominaw is-sala, l-atmosfera mhix nieqsa.
Iltqajna, fost oħrajn, ma’ Rose Agius li qasmet magħna l-ħsibijiet tagħha dwar il-Milied. Bla ma qagħdet taħsibha darbtejn u bla tlaqliq qaltilna li f’San Vinċenz sabet familja oħra.
Qalet, “Nipprova ngħinhom jien ukoll mill-aħjar li nista’, sakemm nista’ hux, għalija kollha qishom ħbieb tiegħi, hekk inqishom anke l-barranin ta, jiġifieri ma ngergirx.”
Lucienne Sacco, li taħdem bħala carer f’din is-sala, stqarret magħna s-sodisfazzjon li ssib f’din il-karriera, partikolarment meta tara l-anzjani bi tbissima fuq fommhom u ferħanin b’mod speċjali f’dan iż-żmien.
Qalet, “Nipprovaw kemm jista’ jkun inżommuh Milied daqslikieku qegħdin id-dar nagħmlulhom attivitajiet aħna hawnhekk ukoll. Anke ikel nagħtuhom dak li jkun speċjali għal dakinhar, biex huma jħossuhom qegħdin fl-istess ambjent tad-dar.”
Rose Agius qaltilna li ma tiddejjaqx tmidd idejha wkoll.
Stqarret, “La niflaħ nipprova ngħinhom, naqra sodod, u nqassam il-laundry, għalija qisu naqra xogħol, għax ngħid mgħaġġlin hux, sakemm niflaħ hux.”
ltqajna ma’ Antonia Marlotta, li għal dawn l-aħħar erba’ snin ċċelebrat dan iż-żmien flimkien mal-anzjani sħabha. Tlabniha tgħaddi messaġġ lil dawk kollha li jieħdu ħsiebhom.
Qalet, “Jiena nirringrazzjahom ħafna minn qalbi, għax kieku mhawnx huma, ma nafx. U nixtieqilhom il-Milied u s-sena t-tajba lilhom u l-familji tagħhom u s-saħħa għax mhawnx aqwa minnha.”
Qabel ħallejnihom, l-anzjani flimkien mal-carers u dawk preżenti, xtaqu jawguraw il-Milied it-tajjeb u s-sena l-ġdida mimlija b’risq u hena lil kulħadd, segwaċi ta’ ONE.