Minn maħżen mimli nies b’attività li ma taqta’ xejn, din is-sena huma biss sitta minn nies li qed jaħdmu fuq karru ta’ skala ferm iżgħar.
Żorna l-maħżen tal-Karnival tal-kumpanija Tal-Landa fejn hemmhekk qed isir xogħol fuq il-karru tar-Re tal-Karnival.
Clyde Axisa, wieħed mid-dilettanti li qed jaħdmu fuq dan il-karru spjegalna d-differenza li qed jesperjenza din is-sena kkomparat mas-snin ta’ qabel.
Huwa fisser: “Żmien il-Milied huwa differenti ħafna għalina din is-sena, is-soltu lanqas inkunu nafu li ġej il-Milied. Jiġifieri bħal dan iż-żmien is-soltu ġieli nkunu ħmistax, għoxrin ruħ hawnhekk, kulħadd għaddej gas down fuq il-karru l-kbir tar-Re tal-Karnival. Din is-sena qed inkunu ħamsa, sitt min-nies.”
Din is-sena il-karnival se jkun differenti minn dawk li aħna mdorrijin naraw, hekk kif din is-sena Festivals Malta talbet lid-dilettanti biex jaħdmu fuq karrijiet ta’ tliet metri bi tlieta u għoli ta’ ħames metri biex jiżżejnu wħud mill-postijiet prominenti f’Malta.
Ir-Re se jkun qed jilqa’ lil dawk li jkunu deħlin lejn il-kapitali, b’disinn li jfakkar iż-żmien li għaddejjin minnu b’tama għall-ġejjieni aħjar.
Madanakollu, id-dilettanti xorta waħda qed iħossu n-nuqqas tal-eċitament li jġib miegħu kull sena l-Karnival.
Clyde sostna: “Weġgħa ta’ qalb għalina d-dilettanti li aħna kull sena nistennew iż-żmien ta’ Frar biex nipprattikaw id-delizzju tagħha, hija ħafna differenti. Qed nagħmlu karru żgħir, ħa jsiru karrijiet żgħar illi ħa jkunu mqassmin madwar Malta. Ix-xogħol ma tikkomparahx minn wieħed għall-ieħor, però mill-mitluf qed nieħdu li nistgħu u nipprovaw illi fi Frar il-poplu Malti xorta jieħu pjaċir kif jista’ minkejja l-problemi kollha li d-dinja għaddejja minnhom fi żmien il-pandemija.”