L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia, akkumpanjat mis-Sa Eleanor Scerri, Skrivan tal-Kamra, u s-Sur Ancel Farrugia Migneco, Segretarju Privat, għamel żjara uffiċjali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO). Mal-wasla tiegħu ġie milqugħ mill-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, u d-Deputat Awditur Ġenerali, is-Sur Noel Camilleri, it-tnejn uffiċjali tal-Parlament.
Matul din iż-żjara, is-Sur Deguara ppreżenta lil Dr Farrugia r-“Rapport mill-Awditur Ġenerali dwar il-Kontijiet Pubbliċi għas-Sena 2023”, rapport statutorju li se jiġi ppubblikat aktar tard illum waranofsinhar. Din il-pubblikazzjoni komprensiva tinkludi 32 eżerċizzju ta’ verifika li twettqu mis-Sezzjoni Finanzjarja u ta’ Konformità fi ħdan in-NAO. Kif inhi l-prassi, dan ir-rapport jinkludi wkoll analiżi dettaljata u informattiva dwar ir-Rapport Finanzjarju 2023 kif ukoll ħarsa estensiva lejn id-Dikjarazzjoni tal-Arretrati tad-Dħul għas-sena rispettiva, kif sottomessa lit-Teżor mill-ministeri, dipartimenti u entitajiet rispettivi.
Fid-diskors qasir tiegħu lill-impjegati tan-NAO, l-Ispeaker Dr Anġlu Farrugia faħħar ix-xogħol eċċellenti li jwettaq dan l-istaff, li għandu d-dmir kostituzzjonali li jipprovdi lill-Parlament assigurazzjoni li l-fondi pubbliċi qed jintużaw b’mod għaqli u skont ir-regoli u r-regolamenti fis-seħħ. Min-naħa tiegħu, l-Awditur Ġenerali Charles Deguara radd ħajr lil Dr Farrugia għall-appoġġ kontinwu tiegħu lill-Uffiċċju, xhieda ta’ din iż-żjara uffiċjali tal-lum.
Fi tmiem iż-żjara, Dr Farrugia ltaqa’ mal-ħaddiema tan-NAO preżenti għal din l-okkażjoni, fejn esprima l-apprezzament personali tiegħu għax-xogħol u l-impenn tagħhom.