Il-President ta’ Malta George Vella u martu s-Sinjura Vella dalgħodu ħallew Malta għal Żjara Statali fil-Greċja.
Matul iż-żjara, il-President Vella se jiltaqa’ uffiċċjalment mal-President tal-Greċja, Katerina N. Sakellaropoulou.
Din iż-Żjara Statali ssegwi ż-żjara li l-President Sakellaropoulou għamlet f’Malta għal-laqgħa informali tal-Kapijiet ta’ Stat Mhux Eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala l-Grupp Arraiolos, li saret f’Ottubru li għadda.
Il-President se jiltaqa’ wkoll mal-Prim Ministru Grieg, Kyriakos Mitsotakis, li reġa’ ġie elett fil-kariga ftit tal-jiem ilu.
F’Ateni, il-President u s-Sinjura Vella mistennija jiltaqgħu wkoll mal-komunità Maltija fil-Greċja.
Id-delegazzjoni tal-President ta’ Malta fil-Greċja tinkludi lill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Sakemm il-President George Vella jkun impenjat biż-Żjara Statali fil-Greċja, il-Professur Frank Bezzina se jservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta.
Il-President u s-Sinjura Vella jirritornaw f’pajjiżna nhar il-Ħamis 6 ta’ Lulju 2023.