Il-kumitat tal-Assoċjazzjoni tal-Infermiera u Qwiebel f’San Vinċenz flimkien mal-ħaddiema tar-residenza il-Ħadd filgħodu organizzaw l-attivita Blood Donation Day fil-fetħa ta’ quddiem San Vinċenz.
Din is-sena jaħbat it-tielet anniversarju ta’ din l-attivita’, li għaliha attendew il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali Michael Falzon flimkien mas-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilita’ u Anzjanita’ Attiva Anthony Agius Decelis.
Il-ħaddiema ta’ San Vinċenz de Paule u viżitaturi tal-istess faċilita’ kellhom l-opportunita jagħtu id-demm u jipparteċipaw. Waqt l-attivita tqassmu fuljetti b’informazzjoni lil dawk interessati jagħtu id-demm.
Għall-darba oħra din l-attivita’ kienet suċċess kbir hekk kif inġabru kważi mitt borża tad-demm u kemm il-Ministru kif ukoll is-Segretarju Parlamentari saħqu fuq l-importanza ta’ avvenimenti bħal dawn u fakkru kif l-għoti tad-demm huwa wieħed mil-isbaħ rigali li jista’ jagħti l-bniedem.