Hekk kif aktar minn 56,000 student reġgħu lura fuq il-bankijiet tal-iskola wara l-btajjel tas-sajf, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima żar l-iskejjel primarji ta’ Santa Venera u ta’ San Ġwann u l-Kulleġġ ta’ San Ġorġ Preca, il-Ħamrun.
Is-Segretarju Parlamentari qal li “kull bidu tas-sena skolastika jfisser sfidi ġodda kemm għall-għalliema kif ukoll għall-istudenti u għall-ġenituri, iżda b’rispett lejn xulxin u b’enfasi fuq it-tagħlim tal-istudenti żgur li se tkun sena li tkompli twassal lill-istudenti eqreb lejn l-aspirazzjonijiet tagħhom”.
Clifton Grima kompla li, “il-ħiliet li għandhom it-tfal tagħna, li għandhom iż-żgħażagħ tagħna, l-intelliġenzi differenti li għandhom ma jistax ikun li nkomplu nagħfsuhom f’kaxxa waħda li toqgħod ġo fiha jew tintrema, allura li rridu nagħmlu hu li nkomplu naraw kif l-esperjenza edukattiva titwessgħa, ma tkunx one-size-fits-all u tilħaq lit-tfal kollha b’modi differenti għax il-futur tagħna u ta’ pajjiżna jiddependi minn kemm kapaċi niżviluppaw il-ħiliet, l-attitudnijiet, il-karattru u l-potenzjal tagħna”.