Fid-dawl taċ-ċirkostanzi li bħalissa għaddej minnhom pajjiżna, l-edukaturi qed jiġu mħeġġa jsibu l-aħjar mod li jaħdem għalihom biex jikkomunikaw mal-istudenti tagħhom b’mezzi online.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici żar l-Università ta’ Malta sabiex ikun jista’ jsegwi waħda minn dawn il-lezzjonijiet li qed isiru online.
L-edukaturi u l-letturi huma mħeġġa jikkollaboraw flimkien u mal-iskola jew l-istituzzjoni edukattiva tagħhom biex jippermettu l-ġbir flimkien tar-riżorsi għall-benefiċċju ta’ kulħadd.
Il-Ministru Bonnici rringrazzja lill-ġenituri u lill-kustodji għall-koperazzjoni tagħhom u għall-mod kif ħafna qed jappoġġaw lit-tfal tagħhom waqt li jkunu f’darhom. Fl-aħħar nett, il-Ministru Owen Bonnici rringrazzja lill-istudenti kollha.
Qal li minkejja li dan hu żmien diffiċli, ħafna studenti qed jiffukaw fuq l-edukazzjoni tagħhom u qed jikkoperaw bis-sħiħ biex dawn is-sistemi ta’ tagħlim online ikunu suċċess.