Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici għamel żjara fl-MCAST fejn seta’ jsegwi xi lezzjonijiet li kienu qed isiru online bejn l-istudenti u l-edukatur mid-djar tagħhom wara l-għeluq temporanju tal-iskejjel.
Il-ministru qal li, “qed nilqa’ bis-sħiħ l-impenn, id-dedikazzjoni u x-xogħol iebes li qed jintwerew minn mijiet ta’ edukaturi biex jipprovdu materjal edukattiv lill-istudenti tagħhom bl-użu ta’ mezzi online. Dawn l-aħħar jiem urew il-professjonalità qawwija u l-impenn ta’ edukaturi fi żminijiet ta’ sfida bħal dawn.”
Il-Ministru Bonnici ħeġġeġ lill-edukaturi biex ikomplu b’dan il-proċess ta’ tagħlim online għall-istudenti tagħhom. L-edukaturi jistgħu jitolbu appoġġ f’dan direttament permezz tal-iskejjel tagħhom jew permezz tas-sit web u tal-linji telefoniċi għall-għajnuna https: //digitalliteracy.skola.edu.mt/.
Il-ministru rringrazzja b’mod sinċier lill-edukaturi kollha għall-mod eżemplari li qed juru waqt l-isfida ta’ din is-sitwazzjoni bla preċedent. Esprima l-apprezzament tiegħu lill-istaff tal-IT li tant qed jagħtu sapport sabiex isir dan it-tagħlim diġitali kif ukoll lill-ħaddiema tal-manutenzjoni u tat-tindif li tant qed jaħdmu sabiex ilestu l-iskejjel għal meta l-istudenti u l-edukaturi jidħlu lura.
Repożitorju tar-riżorsi edukattivi jinsab disponibbli fuq http://www.curriculum.gov.mt#_blank u qed jiġi aġġornat kontinwament.