Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq l-ikbar proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali li qatt sar f’pajjiżna. Dan il-proġett huwa mifrux f’sit ta’ madwar 10,000 metru kwadru f’Ħal Farruġ.
Il-Ministru Roderick Galdes spjega li permezz ta’ investiment sostanzjali ta’ madwar €40 miljun, dan il-proġett se jkun qiegħed jagħmel differenza sinifikanti fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali. L-istess proġett mistenni jinkludi madwar 267 appartament u 300 garaxxijiet u spazji għall-karozzi.
Fiż-żjara tiegħu, flimkien ma’ rappreżentanti minn Malita Investments p.l.c. u l-Awtorità tad-Djar, il-ministru seta’ jsegwi mill-qrib ix-xogħlijiet u l-avvanzi li qegħdin isiru f’dan is-sit. Dan il-proġett se jinkludi total ta’ tliet blokok ta’ appartamenti, liema appartamenti jikkonsistu f’numru differenti ta’ kmamar tas-sodda sabiex ikunu jistgħu jilqgħu għal bżonnijiet differenti.
Il-ministru aċċenna għall-fatt li dan il-proġett se jkun ukoll f’konformità mal-Viżjoni Malta 2050, liema viżjoni timmira li tkompli tiġi indirizzata l-waiting list għall-akkomodazzjoni soċjali.
Il-ministru sostna li jħares ’il quddiem sabiex dan il-proġett ikun jista’ jkompli joffri residenzi sikuri u b’dinjità lil iktar familji. Qal li l-kwalità għolja li qed jidher fil-proġetti tal-akkomodazzjoni soċjali qiegħda tiġi riflessa fil-kwalità tal-ħajja tal-benefiċjarji, liema benefiċjarji jkunu jeħtieġu l-għajnuna tal-istat f’dak il-perjodu ta’ ħajjithom, fejn bħala gvern kommessi li jibqgħu jinvestu f’dawn ir-residenzi ta’ kwalità u jkunu ta’ spalla għal dawn il-familji.
