Hekk kif f’dawn l-aħħar jiem iltaqa’ l-Kunsill Agrikolu Ewropew, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mal-Ministru Belġjan għall-Agrikoltura David Clarinval għamlu żjara lill-koperattiva tal-frott u l-ħaxix BelOrta.
L-għan ta’ din iż-żjara kien li jaqsmu bejniethom ideat dwar kultivazzjoni sostenibbli u soluzzjonijiet innovattivi marbuta mall-ippakkjar, fost oħrajn.
F’BelOrta, kien hemm varjetà kbira ta’ frott u ħaxix frisk, b’koperattiva b’iktar minn 1,000 produttur Belġjan. Bejniethom ikabbru ’l fuq minn 500,000 tunellata ta’ frott u ħaxix frisk kull sena maqsuma f’170 prodott differenti, kemm dawk konvenzjonali kif ukoll dawk organiċi.
Il-Ministri u d-delegazzjoni ta’ BelOrta ddiskutew in-negozju koperattiv, l-irwol soċjali tal-koperattivi kollha u kif il-produtturi rnexxielhom jilqgħu l-isfidi matul il-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19.
Il-Ministru Anton Refalo qal li għandu fiduċja fil-bdiewa Maltin u Għawdxin, li minn dejjem kienu lesti li jaħdmu u jikkoperaw biex dan is-settur daqstant importanti jkompli jikber u jissaħħaħ grazzi għall-appoġġ li dejjem kien hemm mill-Gvern Malti.
Bħalissa, spjega l-Ministru Refalo, fil-Pitkalija ta’ Malta għaddej proċess ta’ riforma. Din ir-riforma, li ilha meħtieġa għal ħafna żmien, qiegħda ssir biex jiġi modernizzat l-operat, titjieb l-infrastruttura u biex il-bidwi jkollu post xieraq minn fejn ibigħ il-prodotti tiegħu. Din ir-riforma se tkun il-bażi biex il-frott u l-ħaxix lokali jitjieb fil-kwalità, kif ukoll tiżdied it-trasparenza u t-traċċabilità tal-prodott. Dan għall-benefiċċju tas-settur agrikolu kif ukoll tal-konsumaturi, qal il-Ministru.
Żjarat bħal dawn jgħinu biex jinstabu soluzzjonijiet varji għall-benefiċċju tal-komunità agrarja f’pajjiżna.
Ritratt: MAFA