Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi u l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana żaru s-sit eżistenti f’Ħondoq ir-Rummien f’Għawdex fejn mistenni jibda proġett infrastrutturali biex Għawdex ikollu l-ewwel impjant tar-reverse osmosis li, permezz tiegħu, jiġi kompletament indipendenti minn Malta għall-bżonnijiet tal-ilma.
Il-proġett ta’ Ħondoq ir-Rummien huwa biss wieħed minn sensiela ta’ proġetti li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun qed timplimenta fis-snin li ġejjin, proġetti li se jaraw fost oħrajn il-protezzjoni u l-immaniġġjar tal-ilma tal-pjan u proġetti li jtejbu l-effiċjenza u l-kwalità tal-ilma. B’dan l-investiment mifrux fuq l-operat kollu tal-Korporazzjoni għas-Servizi tal-Ilma, ’il fuq minn 100 miljun ewro se jkunu qed jagħtu injezzjoni vitali fl-operat u d-drenaġġ u fl-ekonomija Maltija.
Il-proġett tar-reverse osmosis ta’ Ħondoq ir-Rummien, li mistenni jikkontribwixxi biex Għawdex isir awto-suffiċjenti fil-bżonnijiet tal-ilma, mistenni wkoll jiżgura li fl-eventwalità li jkun hemm il-ħtieġa li jiġi ppumpjat ilma lejn Malta u bil-kontra, dan ikun jista’ jsir.
Il-Ministru Joe Mizzi, li kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-WSC Richard Bilocca, spjega li r-reverse osmosis, li se tkun qed tħaddem mill-ġdid il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, se jkun qed jipproduċi mad-9,000 metru kubu ta’ ilma kuljum.
Il-fatt li se jintuża sit eżistenti li kien abbandunat sa mis-snin 70, se jiġu evitati problemi ambjentali. Huwa qal li b’dan il-proġett, il-kwalità tal-ilma f’Għawdex ser titjieb, filwaqt li l-estrazzjoni tal-ilma mill-aquifer se titnaqqas.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana laqgħet b’sodisfazzjon dan il-proġett imniedi mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej. Il-Ministru Caruana qalet li ladarba jitlesta dan il-proġett, id-domanda tal-ilma f’Għawdex se tiġi ġġenerata minn dan l-impjant li ser ikun mgħammar bl-aħħar teknoloġija state of the art u, għalhekk, Għawdex mhux se jibqa’ aktar dipendenti mill-ilma tal-pjan jew mill-impjant taċ-Ċirkewwa.
Filwaqt li stqarret li dan hu proġett bżonnjuż għall-gżira Għawdxija, faħħret l-inizjattiva li ħadet il-Korporazjoni għas-Servizzi tal-Ilma hekk kif ser tirrestawra binja li ilha mitluqa mis-snin sebgħin u dan ser isir biex il-bajja pittoreska u ferm popolari ta’ Ħondoq ir-Rummien tibqa’ protetta minn xi forma ta’ żvilupp.
Il-Ministru Caruana qalet li proġett bħal dan u oħrajn simili juru biċ-ċar li Għawdex verament qed igawdi mill-fondi Ewropej allokati għall-ġid ta’ Għawdex u l-Għawdxin.
Il-Ministru Joe Mizzi u l-Ministru Justyne Caruana żaru wkoll siti oħrajn immexxija mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fosthom l-impjant tat-trattament tal-ilma f’Ras il-Ħobż, ix-Xewkija Pumping Station u l-Waste Water Region.